top of page

Abort bil-Pilloli

Jekk għandek inqas minn 12-il ġimgħa tqala, tista' tagħmel abort bil-pilloli d-dar. Dan il-proċess huwa magħruf ukoll bħala abort mediku. Ftakar li meta tikkalkula kemm ilek tqila, trid tgħodd mill-ewwel ġurnata ta' l-aħħar period li kellek.

 

L-abort bil-pilloli sar l-aktar metodu komuni u preferut tal-abort f'pajjiżi fejn l-abort huwa legali. Probabbilment huwa wkoll l-iktar metodu komuni tal-abort f’Malta wkoll. Il-fornituri tal-pilloli tal-abort huma magħrufa li jibagħtu mill-inqas pakkett kuljum bil-pilloli abortivi għal Malta.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet affidabbli li jibgħatu pilloli tal-abort lil nisa f'Malta huma Women on Web u Women Help Women. It-tnejn jipprovdu pilloli tawtentiċi u jitolbu biss donazzjonijiet biex ikopru l-ispejjeż tal-pilloli u tal-posta. Dawn jistaqsuk ukoll xi mistoqsijiet dwar it-tqala tiegħek u fuq saħħtek biex jiżguraw li huwa sigur għalik li tieħu pilloli għall-abort.

Tordnax pilloli tal-abort minn sorsi mhux verifikati (ara l-eżempju hawn taħt). Dawn ta' spiss jitolbu somom kbar ta' flus u l-kwalità tal-pilloli ma tistax tiġi vverifikata.

unverified.png
Abortion with Pills

Kif tordna pilloli għal abort

Women on Web normalment jitolbu donazzjoni ta' madwar 100 Euro. Il-pilloli mingħandhom normalment jaslu fi żmien ġimgħa jew ġimagħtejn u huma kkunsidrati affidabbli ħafna. Biex tordna mingħand Women on Web mur fuq https://www.womenonweb.org/en/i-need-an-abortion u kklikkja Start Consultation (ara hawn taħt). Imbagħad tintalab twieġeb mistoqsijiet dwar it-tqala tiegħek u saħħtek. Huma jitolbuk tipprovdi indirizz fejn tirċievi l-pilloli. Ladarba imlejt il-formola online, tirċievi email u tintalab tagħti donazzjoni. Mur fuq https://www.womenonweb.org/en/donate biex tagħti d-donazzjoni, u kun żgur li tinkludi n-numru ta' referenza tiegħek. Il-pakkett bil-pilloli tal-abort imbagħad jintbagħat fuq l-indirizz tiegħek.

Dan il-vidjow jurik kif tordna pilloli għal abort mingħand Women on Web:

Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tordna mingħand Women on Web, għandek mistoqsijiet dwar kif tuża l-pilloli, jew il-pilloli ma waslulekx kif suppost, tista' tikkuntattja lil Women on Web billi tibgħatilhom email fuq info@womenonweb.org.

Women Help Women hija l-organizzazzjoni l-oħra ta’ fama tajba li tibgħat pilloli tal-abort lejn Malta. Normalment dawn jitolbu donazzjoni ta’ madwar 75 Ewro. Pilloli tall-abort minn Women Help Women fil-passat damu ftit iktar biex jaslu minn dawk minn Women on Web, iżda Women Help Women reċentement tejbu l-ħinijiet tagħhom lejn Malta. Il-proċess biex tordna minn Women Help Women huwa simili għal dak ta' Women on Web. Mur fuq https://consult.womenhelp.org/get-abortion-pills?z_language=en u kklikkja Start (ara hawn taħt) biex tagħmel konsultazzjoni onlajn fejn tkun mistoqsija dwar saħħtek u dwar it-tqala. Imbagħad jitolbuk donazzjoni, u wara li tħallas il-pilloli tal-abort jintbagħtu fuq l-indirizz li tispeċifika.

womenhelp.png

Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tordna mingħand Women Help Women, għandek mistoqsijiet dwar kif tuża l-pilloli, jew il-pilloli ma waslulekx kif suppost, tista' tikkuntattja lil Women Help Women billi tibgħatilhom email fuq info@womenhelp.org.

Jekk issibha diffiċli biex tħallas id-donazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok għid lill-organizzazzjoni li qed tordna mingħandha u nnegozja prezz magħhom. Hemm ċans li xorta jgħinuk anke jekk ma tistax tħallas l-ammont sħiħ. Jekk il-pilloli tiegħek ma jaslux fi żmien ġimagħtejn, ikkuntattja l-organizzazzjoni li ordnajt mingħandhom. Hemm ċans li xorta jkunu jistgħu jipprovdulek pakkett, anki jekk tkun viċin l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa.

Din it-tabella tikkompara s-servizzi ta' Women on Web u Women Help Women:

Differenzi bejn Women on Web u Women Help Women
How to Order Abortion Pills

Kif tuża pilloli tal-abort

Il-pakkett tal-abort li tirċievi minn Women on Web jew Women Help Women ikun fih pillola waħda ta’ Mifepristone (immarkata bl-aħdar hawn taħt), u numru (ġeneralment 4 sa 8) ta' pilloli iżgħar ta’ Misoprostol (immarkati bl-aħmar hawn taħt).

pillpack.png

Mifepristone (magħruf ukoll bħala Mifegynae, Mifeprex, jew RU-486) ​​huwa mediċina li timblokka l-ormon tat-tqala progesterone. Normalment jittieħed f'pillola waħda ta' doża 200mg li tinbela'. Mifepristone jgħin biex jipprepara l-utru għal-abort, u jagħmel l-abort aktar faċli. In-nawżea (tqallieh) hija effett sekondarju komuni ta' Mifepristone. Misoprostol (it-tieni pillola tal-abort) ġeneralment jittieħed 24 siegħa wara Mifepristone. Jekk tirremetti wara li tieħu Mifepristone, xorta tista' tkompli l-abort billi tieħu Misoprostol l-għada.

Misoprostol (magħruf ukoll bħala Cytotec jew Misodel) huwa mediċina tal-klassi prostaglandin analogue li tikkawża li l-utru jingħafas u jneħħi t-tqala, u b'hekk jikkawżaw abort. Il-pilloli Misoprostol huma ġeneralment ta' doża 200mcg kull waħda, u jkunu żgħar u ta' forma eżagonali. Erba' pilloli Misoprostol (doża totali ta' 800mcg) jitqiegħdu taħt l-ilsien għal 30 minuta, fejn jiġu assorbiti. Tiblax il-Misoprostol. Id-demm u l-uġiegħ normalment jibdew bejn ftit minuti u ftit sigħat wara li tieħu Misoprostol. Jekk id-demm ma jibdiex wara tliet sigħat li tieħu Misoprostol, jew jekk għandek aktar minn 9 ġimgħat tqala, għandek tieħu t-tieni doża ta' Misoprostol billi tpoġġi erba' pilloli oħra taħt l-ilsien għal 30 minuta oħra. Jekk qed tħossok imdardra, tista' ddaħħal il-pilloli Misoprostol fil-vaġina minflok taħt l-ilsien. Madankollu, ftakar li l-użu ta' pilloli għal-abort f'Malta huwa illegali, u jekk tabib isib residwi ta' pilloli fil-vaġina tiegħek dan jista' jqajjem suspett.

Dan huwa, fil-qasir, kif tuża pilloli għal abort:

  1. Ħu Mifepristone 200mg. Ibla' l-pillola bl-ilma. Stenna 24 siegħa.

  2. Poġġi erba' pilloli Misoprostol 200mcg taħt ilsienek għal 30 minuta. Imbagħad tista' tobżoq il-fdalijiet.

  3. Id-demm għandu jibda bejn ftit minuti u ftit siegħat. Jekk jgħaddu 3 siegħat u d-demm ikun għadu ma bediex, ħu t-tieni doża ta' Misoprostol billi terġa' tpoġġi erba' pilloli oħra taħt l-ilsien. Jista' wkoll ikollok bżonn tieħu t-tieni doża ta' Misoprostol jekk inti tqila aktar minn 8 ġimgħat - irreferi għall-istruzzjonijiet li jiġu mal-pakkett tal-pilloli ta' l-abort tiegħek għal aktar informazzjoni. Jekk tkun qed tħossok wisq imdardra biex tpoġġi Misoprostol f'ħalqek, tista' tpoġġi l-pilloli fil-vaġina minflok.

Idealment, għandu jkollok lil xi ħadd li tafda miegħek id-dar meta tuża pilloli tal-abort. Tikkunsmax alkoħol jew kalmanti meta tuża pilloli tal-abort f'każ li jkollok bżonn titlob għall-għajnuna. Għandek tkun fi żmien 60 minuta minn sptar meta tuża pilloli għall-abort, f'każ li jkollok bżonn l-għajnuna. Din mhix problema f’Malta u Għawdex minħabba li l-partijiet kollha ta ’dawn il-gżejjer jinsabu 60 minutajew anqas minn sptar.

Għandek tilbes maxi pads waqt l-abort sabiex ikollok idea ta' kemm qed joħroġ demm. Jekk timla erba' maxi pads jew aktar f'sagħtejn, ikollok bżonn tfittex għajnuna medika. Jekk tuża tampon, qis li tneħħieh qabel l-abort.

Dan il-vidjow minn Doctors for Choice jispjega kif isir abort bil-pilloli:

How to Use Aborton Pills

Wara li tuża l-pilloli u kif tfittex l-għajnuna medika

Wara li tieħu l-Misoprostol huwa normali li tesperjenza uġieh u tara demm pjuttost qawwi bil-clots. Id-demm ġeneralment ikun iktar qawwi minn period, u jista' jdum ħiereġ minn ftit jiem sa ġimgħatejn. L-uġiegħ jista' jkun pjuttost qawwi u Ibuprofen (disponibbli bla riċetta tat-tabib f'Malta u Għawdex) jista' jgħin biex itaffi l-uġigħ. Huwa komuni li tara clots jew biċċiet ta' tessut bid-demm, iżda huwa rari ħafna li tara fetu ffurmat.

Madwar 9 minn kull 10 nisa li jużaw il-pilloli tal-abort id-dar ikorru mingħajr il-bżonn ta' għajnuna medika. Madankollu, jekk ikollok xi waħda mill-kumplikazzjonijiet li ġejjin ikollok bżonn tfittex għajnuna medika:

  • Telf ta' ħafna demm, speċjalment jekk tibda tħossok dgħajfa

  • Uġigħ qawwi li ma jerħix bin-Nurofen

  • Tnixxija vaġinali li tinxtamm

  • Deni

Għal aktar informazzjoni dwar kumplikazzjonijiet possibbli wara abort, żur il-websajt tal-NHS UK.

Jekk ikollok bżonn għajnuna medika wara li tuża l-pilloli tal-abort, tista' tmur l-isptar u tgħid li qed ikollok korriment. M'hemm l-ebda test tad-demm, jew test ieħor, li jista' jidditermina jekk għamiltx abort b'pilloli jew jekk għandekx korriment naturali. It-tobba jistgħu jistaqsuk jekk ħadx xi pilloli biex ittemm it-tqala. Żomm f'moħħok li jekk tiżvela li ħadt pilloli tal-abort f'Malta, tista' tkun irrappurtata lill-pulizija. It-tobba m'għandhomx għalfejn ikunu jafu li ħadt pilloli tal-abort għax kull tip ta' korriment huwa trattat bl-istess mod, irrispettivament minn jekk huwiex naturali jew ikkawżat minn pilloli.

Wara abort bil-pilloli, jekk tixtieq li jkollok ultrasound biex tiżgura li kollox mar sew, tista' tibbukkja appuntament fi klinika privata ma' ġinekologu/a li tafda madwar ġimgħatejn wara l-abort.

Hemm possibbiltà żgħira (inqas minn każ wieħed f'għoxrin) li t-tqala tkompli wara li tieħu l-pilloli tal-abort. Tista' tikkonferma jekk il-pilloli ħadmux billi tieħu test tat-tqala wara 2-3 ġimgħat. Jekk jirriżulta fil-posittiv, hemm ċans li t-tqala tkompliet u għandu jkollok ultrasound biex tara x'inhu jiġri. Jekk it-tqala kompliet, tista' tieħu kors ieħor ta' Mifepristone jew Misoprostol jekk għadek inqas minn 12-il ġimgħa tqala. Inkella, tista' tagħżel li tagħmel abort kirurġiku barra mill-pajjiż.

Huwa possibbli li terġa toħroġ tqila eżatt wara li jkollok abort. Jekk tuża pilloli kontraċettivi, tista' terġa tibdihom mill-ġurnata ta' wara li tieħu Misoprosol. Jekk ma tibdiex il-pilloli kontraċettivi sa ħamest ijiem wara li tkun ħadt Misoprostol, għandek tuża kondom biex tnaqqas ir-riskju li toħroġ tqila.

After Using Abortion Pills
bottom of page